• Reset font to default
  • Decrease Size
  • Increase Size

Sħab Kummerċjali

..

Sħab Oħrajn

...
Il-KSU sodisfatt bit-twaqqif tal-Istitut tal-Iżvilupp Sostenibbli
Il-Ħadd, 24 ta' Jannar 2010 19:36

Il-KSU laqa’ bil-ferħ it-twaqqif tal-Istitut tal-Iżvilupp Sostenibbli. Il-KSU minn dejjem kien jemmen fl-importanza ta' dan it-tip ta' żvilupp u kif dan għandu jsir f’diversi aspetti tas-soċjetà u tal-ekonomija. Minbarra l-istqarrijiet li saru bħar-Reazzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Kopenħagen, il-KSU ffirma l-Patt l-Aħdar ma’ Greenhouse, għaqda studenteska fl-università stess li taħdem favur l-ambjent, biex timpenja aktar lilha nnifisha fit-tħaris tal-ambjent.

Opportunità

L-Istitut żgur li se jkun ta’ benefiċċju għall-istudenti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi. L-għan tal-Istitut hu li jagħti wkoll eżempju ta’ kif l-Università għandha tiżviluppa u tevolvi. Barra minn hekk  għandu juri r-rwol importanti u r-responsabbiltà li l-Università għandha fis-soċjetà.

Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni

B’reazzjoni għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Politika u t-Tnaqqis fil-Miżuri Relatati mat-Tnaqqis fl-Emissjonijiet tal-Gassijiet Serra (2009) tal-Kumitat għall-Bidla fil-Klima (CCC), kwistjoni kontemporanja relatata mas-sostenibbiltà u l-iżvilupp sostenibbli, il-Politika tal-Ambjent tal-KSU 2009 offriet diversi suġġerimenti importanti li saru mill-kumitat li ħadem fuq ir-rwol tal-Università u fuq il-kontribuzzjoni li din l-istituzzjoni tista’ tagħti lis-soċjetà.

Taqsima 04.2 ta' dan id-dokument, tenfasizza l-importanza tar-Riċerka, tal-Iżvilupp u tal-Innovazzjoni. Is-suġġerimenti magħmula minn dal-Kumitat intużaw fit-tfassil tal-azzjoni tal-gvern. Dan seħħ b’rabta mal-Pjan tal-Istrateġija Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni: 2007 – 2010 li ppropona 12-il suġġeriment dwar ir-rwol li l-Università jista’ jkollha fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Il-formazzjoni tal-Istitut tal-Iżvilpp Sostenibbli hi pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. L-iskop għandu jmur lil hinn mill-kwistjoni tal-bidla fil-klima u għandu jinkorpora aktar temi u oqsma ta’ interess.

Teknoloġija tal-Informazzjoni

L-Istitut għandu l-għan li jtejjeb l-użu tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u li jippromwovi għodda bħas-Sistemi ta' Informazzjoni Ġeografika (GIS) biex jgħin fit-tfassil ta’ politiki u deċiżjonijiet. Dan il-qasam ta’ studju hu dixxiplina ġdida, li hi konformi mal-prijoritajiet nazzjonali tal-pajjiż. L-użu tal-GIS, b'mod partikolari, jgħin biex imexxi 'l quddiem l-analiżi spazjali u l-ingredjent essenzjali għal strateġiji aħjar ta' mmaniġġjar.

Negozju u Intraprenditorija

L-Istitut jinkoraġġixxi wkoll 'il-kummerċ fix-xjenza u t-teknoloġija biex itejjeb l-infrastrutturi, il-produttività u l-intraprenditorija’. Il-qasma bejn l-Università u l-kamp tax-xogħol minn dejjem kienet tinkwieta lill-istudenti. Kien minħabba f’dawn ir-raġunijiet li l-KSU inkoraġġixxa l-idea ta’ investiment privat fl-Università bħat-Trust Fund. Il-KSU jawgura li l-viżjoni tal-Istitut tagħti rwol ċentrali lil dan l-aspett tant importanti.

Interdixxiplina

Mingħajr l-ebda dubju, l-aħjar aspett tal-Istitut hu t-twaħħid ta’ diversi oqsma. Hu biss permezz ta’ dan il-mod li l-iżvilupp sostenibbli jista’ jiġi indirizzat tajjeb. Il-KSU jawgura li dan il-mod jintuża wkoll minn istituzzjonijiet oħra fi ħdan l-Università għax hu biss permezz tal-kollaborazzjoni li jistgħu jintlaħqu l-aħjar riżultati. It-twaħħid hu l-aħjar garanzija għal titjib sħiħ fir-riċerka, li hi ideali għall-iżvilupp sostenibbli.

Il-Kwalità tal-Ħajja

Fl-aħħar imma mhux l-inqas, l-iskop tal-Istitut, ix-xogħol tiegħu, il-proġetti tiegħu u r-riċerka għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna u fi ħdan il-komunità. Il-politika u d-deċiżjonijiet li jittieħdu biex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli għandhom ikunu iffukati fuq il-bniedem. It-titjib fil-kwalità tal-ħajja jfisser li l-pajjiż mhux biss jista’ jimxi ’l quddiem ekonomikament iżda wkoll soċjalment u ambjentalment. B’dan it-titjib tibbenifika mhux biss il-ġenerazzjoni preżenti iżda wkoll dik futura.

 
  • Maltese - Malta
  • English (United Kingdom)

Is-Servizzi

Parkeġġ fil-Kampus Ibbukjar Ħlas bl-Ismart Card Ilmenti Kiri tat-Togi Akkomodazzjoni