|
Wieħed mill-punti tal-pjan ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-Edukazzjoni tal-KSU kien “Għandna naħdmu biex il-Laboratorji tax-Xjenza jkunu mgħammra b'riżorsi aħjar”.
Fir-rapport "The lab… a virtual lecture room?" ippubblikat mill-istess kummissjoni, kienu studjati fil-fond ir-riżorsi li għandhom attwalment l-istudenti tal-ewwel grad tad-dipartimenti tal-Kimika u tal-Bijoloġija.
Hu fatt magħruf li l-laboratorji tax-xjenza huma ta' importanza kbira għat-tagħlim tal-Kimika u l-Bijoloġija. Bħalma qalet Margaret Mead, antropologa Amerikana “Jekk wieħed ma jkunx jista' jistqarr xi ħaġa b'mod ċar biżżejjed li saħansitra jkun jista' jifhimha student/a intelliġenti ta' tnax-il sena, ikun jaqbel li jibqa' magħluq bejn il-ħitan tal-Università u l-laboratorji sakemm ikollu ħakma tajba tas-suġġett tiegħu”.
Madankollu, l-esperjenza fil-laboratorji s'issa ma ttiħditx wisq bis-serjetà u s'issa qatt ma kien hemm studju bil-għaqal tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha. F'ekonomija bbażata fuq l-għarfien fejn ix-Xjenza u t-Teknoloġija għandhom importanza kbira, wieħed għandu jifhem li l-istudenti ta' dawn l-oqsma għandhom ikunu midħla u jkollhom il-ħiliet meħtieġa fit-teknika u l-apparat modern. Hu propju għalhekk li l-KSU hu mħasseb għax qed iħoss li l-istudenti mhumiex qed ikollhom l-esperjenza li wieħed jistenna mill-istudenti tax-Xjenza f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-kwistjonijiet simili.
Kif jgħid l-artiklu 72(h) tal-Att dwar l-Edukazzjoni, l-Università għandha r-rwol u l-poter li twaqqaf u tamministra l-laboratorji meħtieġa għar-riċerka u l-esperimentazzjoni. Min-naħa l-oħra, f'diversi ċirkostanzi l-istaff tal-Università ġibed l-attenzjoni tal-amministrazzjonijiet li l-fondi attwali għal dawn l-iskopijiet mhumiex biżżejjed biex jitwettaq it-tiġdid drastiku meħtieġ li jsir.
Barra minn hekk, minkejja li s-suġġetti tax-Xjenza qed isiru aktar popolari fost l-istudenti, l-akbar problema li jsibu dawn id-dipartimenti hi li l-laboratorji li hemm bħalissa, ma kinux maħsuba għal numru daqshekk kbir ta' studenti (kważi aktar minn 60 student fis-sena) u għalhekk it-tagħmir u l-apparat li hemm huma tassew limitati. Min-naħa l-oħra, filwaqt li n-numru tal-istudenti qed jiżdied, il-fondi li kienu allokati lil dawn id-dipartimenti matul is-snin li għaddew, mhumiex jiżdiedu skont din iż-żieda fl-istudenti.
Hu għalhekk li l-KSU fid-dokument ta' qabel il-baġit ħeġġeġ lill-Gvern biex jalloka aktar fondi speċifiċ għal dawn il-laboratorji.
L-istat attwali tal-laboratorji li qed jintużaw l-aktar fil-korsijiet li jwasslu għall-ewwel grad mhumiex mgħammrin biżżejjed għalihom. Meta tqis l-istat/kundizzjoni ta' dawn il-laboratorji tal-Kimika u l-Bijoloġija, ma tridx tinsa li dawn ilhom jintużaw għal ħafna snin u għaldaqstant jeħtieġ li jkunu rranġati malajr u mgħammrin aktar.
L-istudju jsemmi li wieħed mill-fume hoods fil-laboratorju tad-dipartiment tal-Kimika (li qiegħed fis-sular t'isfel) mhux jaħdem. Jissemmew ukoll diversi perikli oħra li hemm għas-saħħa tal-istudenti. Il-laboratorji tad-dipartiment tal-bijoloġija għandhom bżonn l-installazzjoni ta' sistema tar-riċiklar tal-ilma. F'kelma waħda r-riżorsi huma limitati sew u jeħtieġ li jibdew jinqasmu bejn l-istudenti.
Madankollu r-rapport isemmi wkoll li l-problemi attwali mhux ġejjin biss minħabba n-nuqqas ta' fondi. It-‘territorjaliżmu’ akkademiku, jiġifieri li r-riżorsi ta' individwu ma jistgħux jintużaw minn individwu ieħor fl-istess dipartiment jew f'dipartiment ieħor fl-università, għandu jispiċċa.
Nikkonkludu li jeħtieġ li jingħataw aktar fondi ħalli dawn il-laboratorji jinżammu skont l-istandards meħtieġa. Fl-istess ħin, kwalunkwe tagħmir li jkun hawn fil-bini tal-università għandu jkun disponibbli għal kwalunkwe student/a universitarju/a. Għandu jsir inventarju tar-riżorsi kollha disponibbli u l-istudenti u l-istaff ikollhom aċċess għalih.
Għal din ir-raġuni ninsistu lill-awtoritajiet konċernati fi ħdan l-Università biex jieħdu azzjoni ħalli f'din is-sitwazzjoni - fejn il-fondi qed jillimitaw l-edukazzjoni - ma jkunx hemm aktar problemi politiċi amministrattivi u interni li jkomplu jaffettwaw ħażin l-edukazzjoni ogħla.
Kopja ta' dan ir-rapport tista' titniżżel mill-paġna tar-riżorsi.
Karl Agius Il-Kummissarju tal-Edukazzjoni tal-KSU
Dan l-indirizz elettroniku hu mħares mill-ispam. Irid ikollok il-JavaScript attivat biex tarah
/ 77309841 |