Sħab Kummerċjali
..
Sħab Oħrajn
...
| L-Uffiċċju tal-Kultura u d-Divertiment |
|
L-Uffiċċju tal-Kultura u d-Divertiment hu magħmul minn żewġ studenti, l-Uffiċjal u l-Kordinatriċi tal-Kultura u d-Divertiment. L-għan tal-Uffiċċju hu li jżid il-ħajja fil-kampus tal-Università billi jħeġġeġ lill-istudenti jikkontribwixxu bis-sħiħ fit-tħejjija u f'attivitajiet li mhumiex akkademiċi bil-ħsieb li jippromwovi l-kultura u l-isport f'livell lokali u nazzjonali. Is-sena niftħuha bil-Kampus Fest u bi Frisk li, bil-kontra tas-snin ta' qabel, se jkunu amalgamati flimkien f'lejla ta' divertiment spettakolari fi tmiem il-Freshers' Week. L-għan ta' avvenimenti bħal dawn huwa li jippromwovu t-talent Malti fost l-istudenti universitarji u li fl-istess ħin jilqgħu lill-istudenti l-ġodda fil-kampus, biex jibdew is-sena fuq nota pożittiva.
Għal darb'oħra, l-Uffiċċju tal-Kultura u d-Divertiment qed jaħdem id f'id ma' għaqdiet oħra biex jorganizza l-leagues interfakultattivi. Din is-sena se nkabbru t-tornew b'firxa akbar ta' dixxiplini sportivi ħalli kemm jista' jkun tiżdied il-parteċipazzjoni studenteska fihom. L-għan tagħna hu li nħeġġu l-kompetizzjoni akkademika f'dan il-qasam ukoll biex inżidu l-entużjażmu fost l-istudenti. Għal sena oħra, l-Università ta' Malta se tieħu sehem fit-Tornew Internazzjonali tal-Universitajiet 2010 li se jsir bejn is-17 u l-21 ta' Novembru f'Milan, l-Italja. L-EUROMILANO 2010 hu tornew tal-futbol, baskitbol, volibol, tenis kif ukoll taċ-cheerleading; ġimgħa mimlija bl-isport, ferħ, ċelebrazzjonijiet u ħbiberiji. Wara s-suċċess tas-snin imgħoddija, ddeċidejna li ninkludu wkoll il-konkors tal-Kantanti u l-Awturi fil-kalendarju ta' din is-sena biex għal darb'oħra nuru t-talenti l-ġodda. Din is-sena nittamaw li nżommu l-istandard li hemm u nibnu fuqu. Min jirbaħ ikollu l-opportunità li juri t-talent tiegħu f'attivitajiet oħra mtellgħa mill-KSU, inkluż f'gigs ma' wħud mill-aktar kantanti magħrufa lokalment, fost premjijiet oħra. Il-Festival tal-Istudenti hu wieħed mill-aktar attivitajiet prominenti tas-sena tal-Uffiċċju tal-Kultura u d-Divertiment. Il-KSU jorganizzah f'jumejn, fit-tieni semestru. Dan il-festival jiġbor fih studenti mill-università kollha u jinkludi fih żfin, siltiet mużikali u wirjiet teatrali - kollox imtella' mill-istudenti. |
Kultura









