Sħab Kummerċjali
Sħab Oħrajn
| L-Amministrazzjoni |
|
L-amministrazzjoni ta’ kuljum tieħu ħsieb dak kollu li jiġri fil-Kunsill u hi magħmula mill-President, il-Viċi Presdient, is-Segretarju Ġenerali, l-Uffiċjal Finanzjarju u l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Fost affarijiet oħra, l-amministrazzjoni toħroġ stqarrijiet u ssejjaħ konferenzi pubbliċi meta jkun hemm il-bżonn li l-KSU jsemma’ leħnu. Tieħu ħsieb ukoll il-kuntratti u d-deċiżjonijiet finanzjarji li jidħol għalihom il-Kunsill. L-amministrazzjoni torganizza wkoll attivitajiet bħall-Freshers’ Week - ġimgħa ta’ orjentazzjoni għall-istudenti l-ġodda fl-Università. Il-President hu l-kelliem uffiċjali tal-Kunsill li jirrappreżenta lill-eżekuttiv u lill-membri kollha tal-KSU u jara li kollox ikun taħt kontroll. Flimkien mas-Segretarju Ġenerali, l-Uffiċjal Finanzjarju u l-membri l-oħra tal-eżekuttiv, il-President fi dmiru li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-Kunsill ma’ għaqdiet oħra, li jinkludu lill-partiti politiċi, l-unjins u l-għaqdiet mhux governattivi. Il-Viċi President tal-KSU jassisti lill-President fl-amministrazzjoni u fil-kordinazzjoni tal-Bord Eżekuttiv. Hu responsabbli miż-żamma ta' relazzjonijiet tajbin mas-sħab kummerċjali tal-KSU u jipprova jibni relazzjonijiet ġodda ma' sħab oħra. Il-Viċi President huwa wkoll responsabbli mill-NSTS, u mill-manteniment ta' relazzjonijiet tajbin ma' diversi NGOs u entitajiet esterni oħra. Is-Segretarju Ġenerali jamministra Dar l-Istudenti, jikkoordina l-Freshers' Week u jżomm il-kuntatt personali ma' dawk kollha li jikkorrispondu mal-KSU. Is-Segretarju Ġenerali hu responsabbli mill-amministrazzjoni interna tal-Kunsill filwaqt li jikkoordina l-laqgħat tal-Kunsill, il-minuti rilevanti u l-arkivjar. Flimkien mal-Uffiċjal Finazjarju, jieħu ħsieb ukoll ir-riservazzjonijiet u l-użu tal-faċilitajiet tal-Kunsill. L-Uffiċjal Finanzjarju hu inkarigat mill-finanzi kollha tal-KSU: mill-proċess preliminari ta’ kuntratt finanzjarju, mill-ġbir tal-isponsers, mill-finanzjament tal-attivitajiet li jkunu organizzati, mill-kiri tat-togi u jieħu ħsieb ukoll il-kontijiet finanzjarji tal-KSU. L-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi (URP) hu l-moħħ wara l-branding tal-KSU. Kull fuljett, powster, ħoss u vidjow jgħaddi minn taħt idejh. L-URP jieħu ħsieb ukoll il-websajt u l-forum, li huma għodda indispensabbli li jgħinu lill-istudenti f’dak kollu li jkollhom bżonn, kemm biex isiru jafu affarijiet akkademiċi, biex jilmentaw jew jistaqsu xi ħaġa, biex studenti barranin ifittxu akkomodazzjoni, kif ukoll biex isiru jafu x’attivitajiet se jkun hemm. Carl Grech | James Cassar | Karl Agius | Martina Galea | Rachel Cassar |
Amministrazzjoni









