• Reset font to default
  • Decrease Size
  • Increase Size

Sħab Kummerċjali

..

Sħab Oħrajn

...
Il-KSU jiltaqa’ mal-Prim Ministru u mal-Ministru Dolores Cristina
Il-Ħamis, 22 ta' Lulju 2010 10:57

Nhar l-Erbgħa, il-KSU ltaqa’ mal-Prim Ministru, mal-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina u mal-Assistent Parlamentari Franco Debono biex jiddiskutu diversi proposti u ideat li għandu.

Fost is-suġġetti diskussi kien hemm l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità. Il-KSU saħaq fuq l-importanza ta’ aġenzija bħal din għal pajjiżna. Din l-Aġenzija tassigura li jkun hemm l-ogħla standards possibbli fl-edukazzjoni għall-istudenti kollha li jistudjaw f’Malta.

Kien ippreżentat ukoll rapport lill-Prim Ministru u lill-On. Cristina, li l-KSU għamel aktar kmieni din is-sena dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Università ta’ Malta. Kemm il-Prim Ministru Gonzi u kemm il-Ministru Crisitna kienu infurmati bir-riżultati ta’ dan ir-rapport. Minnu joħroġ li l-istudenti qalu li kienu kuntenti b’uħud mit-tibdiliet li saru permezz tal-ftehim kollettiv il-ġdid iżda xorta waħda jħossu li għad hemm oqsma oħra li jeħtieġu aktar titjib.

Kien ippreżentat ukoll rapport ieħor dwar l-Att il-ġdid dwar l-Edukazzjoni Ogħla. Il-KSU ġie assigurat li l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet imressqa minnu se jittieħdu inkonsiderazzjoni u li se jkun ikkonsultat meta tkun se tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward.

Kienet diskussa wkoll is-sospensjoni temporanja tal-fondi tal-UE għall-Programmi Youth in Action u Lifelong Learning. Il-KSU kien assigurat li n-numru ta’ studenti li għadhom qed jistennew tweġiba dwar jekk humiex se jkunu jistgħu jmorru għall-opportunità tal-Erasmus hu inqas minn mija. L-On. Cristina qalet li l-istudenti li għadhom qed jistennew risposta huma dawk li se jmorru għall-Erasmus fit-tieni semestru tas-sena akkademika. Hi kkonfermat li dawk li se jmorru fl-ewwel semestru ingħataw tweġiba. Matul din il-ġimgħa, il-KSU rċieva ittra b’risposta għad-dokument mibgħut lill-Kummissarju Vassiliou li kien approvat mill-għaqdiet u mir-rappreżentanti tal-istudent kollha kif ukoll minn numru ieħor ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-KSU hu infurmat li l-Kummissjoni qed ‘tikkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet Maltin’ biex l-ipproċessar u l-għoti ta' dawn il-fondi jerġgħu jiġu lura għan-normal mill-aktar fis possibbli.

Il-KSU se jkompli jiltaqa’ ma’ aktar persuni importanti fil-qasam tal-edukazzjoni f’Malta biex ikompli jħares l-interessi tal-istudenti li qed jistudjaw fl-Università ta’ Malta.

 
  • Maltese - Malta
  • English (United Kingdom)

Is-Servizzi

Parkeġġ fil-Kampus Ibbukjar Ħlas bl-Ismart Card Ilmenti Kiri tat-Togi Akkomodazzjoni