• Reset font to default
  • Decrease Size
  • Increase Size

Sħab Kummerċjali

..

Sħab Oħrajn

...
Get Up Stand Up
It-Tnejn, 15 ta' Frar 2010 20:51

GetupStandup hi għaqda volontarja ġdida mwaqqfa minn grupp ta’ studenti Maltin lejn tmiem is-sena 2009. L-għaqda nħolqot biex toffri opportunitajiet għall-attiviżmu f’Malta. Ix-xewqa biex ikunu mħeġġa l-imħabba u l-ħbiberija fost il-bnedmin kollha hi l-qalba tat-twemmin tagħna. F’Malta hawn diversi proġetti komunitarji, iżda l-oqsma tad-drittijiet umani u l-aċċettazzjoni ta’ kulturi differenti huma ta’ spiss minsija. Għalhekk l-enfasi ta’ din l-għaqda hi li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-immigranti, li tifrex kuxjenza dwar id-drittijiet umani u li toħloq kampanji għal titjib fir-relazzjonijiet interkulturali.

Għalkemm il-kwistjoni tal-immigrazzjoni hi fil-qalb tagħna, hemm aktar kawżi soċjali li nħossu li għandhom jingħataw aktar importanza. L-ambjent, l-edukazzjoni u l-faqar huma aspetti importanti tal-ħajja umana li aħna nemmnu bis-sħiħ fihom u nixtiequ noffru l-enerġiji tagħna għall-bidla.

Inħossu li hemm numru ta’ persuni li għandhom passjoni għall-kawżi soċjali imma ħafna jispiċċaw ma jinvolvux ruħhom fi proġetti minħabba l-biża’ li jridu jikkommettu ruħhom għal tul ta’ żmien. Is-sit tagħna hu ddisinjat biex iħalli lil persuni differenti jikkommettu ruħhom  fi proġetti u f’avvenimenti differenti. Dan ifisser li inti tista’ tagħżel rwol li jiddependi mhux biss fuq l-interessi tiegħek imma wkoll fuq l-ammont ta’ ħin li int tista’ tiddedika għalih.

Kull proġett jew avveniment li naħdmu fuqu hu kkordinat minn wieħed jew żewġ kapijiet tal-proġetti. Dan ifisser li l-grupp jista’ jagħmel kwalunkwe proġett sakemm ikun hemm kap tal-proġett li jieħu r-responsabbiltà ta’ dak il-proġett partikolari li jkunu jixtiequ jaħdmu fuqu. Għalhekk jekk tidentifika ruħek mal-għanijiet tagħna, jew tħoss li l-ħsieb tiegħek hu l-istess bħal tal-għaqda tagħna, ikkuntattjana!

Minbarra li, bis-saħħa tal-proġetti tagħna, nistgħu nġibu l-bidla bi strateġiji żgħar, inħossu li hu importanti wkoll li noħolqu ambjent li fih nisfidaw lilna nfusna. Thomas Edison ġabar dan fi ftit kliem meta qal: “In-nuqqas ta’ serħan u kuntentizza huma l-ewwel ħtiġijiet tal-progress” Irridu noħolqu ambjent li fih iż-żgħażagħ jisfidaw it-twemmin tagħhom u jaħsbu b’mod kreattiv mingħajr il-biża’ ta’ xi domma ta’ fidi. Nittamaw li noħolqu pjattaforma għal dibatitti, diskussjonijiet u ħbiberiji!

Żurna hawn: www.getupstandup.org.mt

 
  • Maltese - Malta
  • English (United Kingdom)

Is-Servizzi

Parkeġġ fil-Kampus Ibbukjar Ħlas bl-Ismart Card Ilmenti Kiri tat-Togi Akkomodazzjoni